Il-Parroċċa ta’ Santa Katarina V.M. fiż-Żurrieq, hija waħda mill-eqdem fil-Gżejjer Maltin, u l-knisja parrokkjali tissemma fil-lista tal-Isqof Senatore de Mello fl-1436. F’dan il-perjodu apparti il-knisja ddedikata lil Santa Katarina u ċimiterju żgħir, kien hemm ukoll kappella ddedikata lil San Pietru.
Minħabba l-fatt li l-popolazzjoni ta’ l-inħawi taż-Żurrieq bdiet tiżdied, lejn is-sena 1630 beda jinħass il-bżonn li tinbena Knisja parrokkjali ġdida. Ġie deċiż li l-knisja l-qadima ta’ Santa Katerina, kif ukoll dik ta’ San Pietru jitwaqqgħu biex jagħmlu spazju għall-knisja ikbar. Il-bini tal-knisja l-ġdida beda fl-1632, taħt it-tmexxija ta’ Dun Matteolo Saliba. Il-proġett ħa madwar 25 sena biex tlesta. Il-bini tal-knisja tlesta fl-1658 u waqt iż-żjara tiegħu ġewwa ż-Żurrieq, l-Isqof Balaguer iddeskriva l-knisja bħala l-ifjen waħda ġewwa l-gżejjer Maltin.
F’dan il-perjodu il-knisja, ġiet mżejna b’numru ta’ opri artistiċi mil-isbaħ, fosthom 8 kwadri tal-Kalabriż Mattia Preti li jinkludu l-inkwatru titulari ta’ Santa Katerina, l-Missier Etern, Santu Rokku, Sant’Andrija, San Stiefnu, il-Visitazzjoni lil Sant Eliżabetta u l-Madonna tal-Grazzja.Kien hemm ukoll l-pittura tal-Madonna tar-Rużarju li iżda ġiet meqruda fit-tieni gwerra dinija.
Fil-bidu tas-seklu 20, il-Knisja Parrokkjali ġiet mkabbbra biż-żieda tan-navi. F’dan iż-żmien saru il-pitturi tal-Madonna tal-Karmnu, tar-Rużarju u tal-Kunċizzjoni. Matul dan is-seklu, il-knisja kompliet tiġi msebbħa permezz ta’ dekorazzjonijiet fis-soqfa, pitturi u opri artistiċi oħra.
Il-parroċċa hija mżejna b’ħames fratellanzi. Il-fratellanzi ta’ din il-parroċċa huma dawn u jidhru b’mod kronaloġiku:
Il-fratellanza tas-Santissimu Sagrament (data tat-twaqqif: 1575)
Il-fratellanza tar-Rużarju (data tat-twaqqif: 1588)
Il-fratellanza ta’ Santu Rokku (data tat-twaqqif: 1606)
Il-fratellanza ta’ San Ġużepp (data tat-twaqqif: 1783)
Il-fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu (data tat-twaqqif: 1801)