Avviżi tal-Ħadd

Avviżi tal-parroċċa

9 ta’April 2023

Tberik 2023

Kif avżajna, ħsibna li din is-sena noħorġu b’idea li għandha sservi ta’ opportunità biex niltaqgħu flimkien minkejja li raħalna kiber ġmielu u ftit diffiċli li fix-xahrejn ta’ wara l-Għid il-Kbir induru l-familji kollha. Din għandha sservi ta’ opportunità li tinvolvu ruħkom fit-tberik tal-familja tagħkom u ta’ darkom.

Għaldaqstant qsamna l-parroċċa f’14-il żona, fejn f’kull żona se tkun iċċelebrata quddiesa għan-nies tal-madwar. Wara l-quddiesa, kull familja tingħata kontenitur bl-ilma mbierek u santa tat-tberik. B’hekk membru tal-familja jista’ jbierek lill-familja u d-dar.

Il-quddiesa tibda fis-7.15pm. Qabel il-quddiesa se jkun hemm is-servizz tal-qrar u wara l-quddiesa mħeġġin tibqgħu ftit tal-ħin flimkien biex nitkellmu ftit bejnietna f’atmosfera soċjali.

Il-quddies li qed isir fil-knejjes tagħna se jibqa’ jsir b’mod normali, u l-quddiesa fiż-żona hija għal dawk li jgħixu f’dik iż-żona.

Se nibdew bl-ewwel żona, nhar it-Tlieta li ġej. Il-quddiesa se ssir ħdejn is-salib ta’ Triq il-Kbira. Din iż-żona tinkludi dawn it-toroq: Triq il-Kbira u l-isqaqien tagħha, Misraħ Mattia Preti, Triq il-Ħaddiema minn Mattia Preti sal-Bajjada, Triq iċ-Ċombini, P.P. Saydon, San Nikola, Bizzilla, San Pietru, San Leopoldu, Federiku, Warda, San Ġwann, San Ġorġ, San Luqa, il-Fjuri, l-Inġiniera, Burlanġasa, Sqaq San Lawrenz u l-Imdawwar.

Il-Ħamis jkollna t-tieni żona: il-quddiesa se ssir fi Triq Matteolo Saliba. Din iż-żona tinkludi dawn it-toroq: Triq San Martin minn Bronja sa Vjal l-Indipendenza, Triq il-Bronja, Matteolo Saliba, Francis Falzon, is-Sienja, Dun Vincenz Schembri, Zimmerman Barbaro, Marjanu Gerada, Salvu Psaila, Vincenzo Dimech, Taħħan u Dun Ġwann Camilleri.

Nhar l-Erbgħa jibdew l-Erbgħat tal-Karmnu: fis-6.00pm jingħad ir-Rużarju u fis-6.30pm ssir il-quddiesa bil-prietka minn Patri Karmelitan. Wara tingħad il-Kurunella u barka sagramentali. Matul l-Erbgħat ikun hawn qassis barrani għall-qrar mill-5.00pm ’il quddiem.

Nhar il-Ħadd li ġej hija l-Festa tal-Ħniena Divina: is-Sibt fil-5.30pm issir l-adorazzjoni tal-Ħniena Divina u wara nkomplu bil-quddiesa. Inħeġġu lil kulħadd biex jieħu sehem.

Nhar il-Ħadd, fl-10.30am ser issir il-laqgħa ta’ formazzjoni għall-fratelli tal-fratellanzi kollha fil-kappella ta’ San Bert. Imexxi Fr Stephen Attard.

Nitolbu għal ruħ Carmelo Mangion li għadda għall-ħajja ta’ dejjem matul din il-ġimgħa: Agħtih, o Mulej, …

F’isem is-saċerdoti, nawguraw lill-familji kollha tal-parroċċa l-Għid it-Tajjeb.

Comments are closed.