Avviżi tal-Parroċċa – 26 ta’ Mejju 2024

L-Ewwel Tqarbina

Għada l-Ħadd, inkomplu biċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel Tqarbina liċ-ċkejknin tagħna f’quddiesa li se ssir fl-4.30pm. Infakkru li l-quddiesa tal-lejla tkun fis-6.30pm minflok fis-6.00pm. Tajjeb ukoll li nżommu lil dawn iċ-ċkejknin f’talbna. 

 

Taize Meeting – Nhar it-Tnejn, fis-7.30pm fil-Kappella ta’ San Ġakbu. Kulħadd mistieden. 

 

Festa tal-Qalb ta’ Ġesù fin-Nigret

Nhar il-Ġimgħa se ssir il-festa tal-Qalb ta’ Ġesù fin-Nigret. Għalhekk nhar it-Tlieta, l-Erbgħa u l-Ħamis ikunu jiem ta’ tridu bi tħejjija: Fil-5.30pm ikun hemm rużarju  u fis-6.00pm, Quddiesa mmexxija minn Fr Dillon Bugeja. 

Nhar il-Ġimgħa fis-6.45am issir il-quddiesa li fiha jsir it-tiġdid tal-voti mis-Sorijiet u wara adorazzjoni sal-11.30am. Fil-5.30pm Rużarju u fis-6.00pm quddiesa  mmexxija mill-Arċipriet Fr Daniel Cardona. Wara l-quddiesa, issir il-Purċissjoni bis-S.S. Sagrament li tgħaddi mit-toroq taż-żona. Inħeġġu lit-tfal tal-Ewwel Tqarbina u lill-Fratelli tas-Sagrament biex jieħdu sehem.

 

Festa ta’ Corpus

Nhar il-Ħadd niċċelebraw is-Solennità tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu – il-festa ta’ Corpus. Fis-6.00pm issir quddiesa konċelebrata bis-sehem tal-kor parrokkjali u wara purċissjoni bis-S.S. Sagrament li tgħaddi mix-Xarolla. It-tfal tal-Ewwel Tqarbina huma mistiedna jieħdu sehem. 

 

Proġett Siġġijiet Ġodda fil-Knisja Arċipretali

Nixtiequ nirringrazzjaw lil dawk li qed jikkontribwixxu fil-proġett  tas-siġġijiet ġodda għall-Knisja Arċipretali. Fuq il-facebook tal-parroċċa tellajna ritratt ta’ kif se jkunu dawn is-siġġijiet. Fil-ġranet li ġejjin se nġibu wieħed biex wieħed ikun jista’ jarah.  Il-flus li nġabru f’dawn il-ġranet għal dan il-proġett hu ta’ 4,250 euro. Nirringrazzjawkom. Min jixtieq jgħin f’dan il-proġett  billi jisponsorja xi siġġu u jew jagħti xi donazzjoni  hu mitlub li javviċina lill-Arċipriet.

 

Fl-okkażjoni ta’ Jum iż-Żurrieq, ser tiġi ċċelebrata quddiesa  nhar is-Sibt li ġej fis-6.30pm. Kulħadd mistieden.

 

Comments are closed.